Il-proġetti multinazzjonali huma proġetti fuq skala kbira li jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri tad-Deċennju Diġitali. Dawn jippermettu lill-Istati Membri jiġbru flimkien ir-riżorsi biex jibnu kapaċitajiet diġitali li ma jkunux jistgħu jiżviluppaw waħedhom.
Il-proġetti multinazzjonali għandhom jiġbru flimkien l-investimenti mir-riżorsi ta’ finanzjament tal-UE, inkluż mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u mir-riżorsi nazzjonali. Entitajiet pubbliċi u privati oħra jistgħu jinvestu fil-proġetti fejn xieraq.
Il-proġetti multinazzjonali jenħtieġ li jiġu implimentati b'mod koordinat, f'kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.
Fl-Annesstad-Deċiżjonital-2030 dwar il-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali, il-Kummissjoni identifikat lista inizjali ta’ oqsma għal proġetti multinazzjonali u tista’ taġġorna l-lista, jekk ikun meħtieġ, abbażi tal-monitoraġġ tal-progress annwali:
- Infrastruttura u Servizzi Komuni Ewropej tad-Data
- L-UE tingħata l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ proċessuri fdati b’konsum baxx tal-enerġija
- It-tnedija ta’ kurituri pan-Ewropej tal-5G
- L-akkwist ta’ superkompjuters u kompjuters kwantistiċi
- L-iżvilupp u l-użu ta’ infrastrutturi ta’ komunikazzjoni ultrasikuri kwantistiċi u bbażati fl-ispazju
- L-iskjerament ta’ network ta’ Ċentri tal-Operazzjonijiet tas-Sigurtà
- Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej
- Sħubijiet ta’ teknoloġija avvanzata għall-ħiliet diġitali u l-edukazzjoni speċjalizzata
- Infrastruttura Ewropea tas-Servizzi tal-Blockchain
Il-proġetti multinazzjonali għandu jkollhom l-għan li jiksbu wieħed jew aktar mill-għanijiet speċifiċi li ġejjin:
(a) it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u fost l-Istati Membri fil-kisba tal-objettivi ġenerali;
(b) it-tisħiħ tal-eċċellenza teknoloġika, it-tmexxija, l-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali tal-Unjoni fit-teknoloġiji kritiċi, il-kombinazzjonijiet tat-teknoloġija komplementari, u l-prodotti, l-infrastruttura u s-servizzi diġitali li huma essenzjali għall-irkupru u t-tkabbir ekonomiku u għas-sigurtà u s-sikurezza tal-individwi;
(c) l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet u d-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni tul il-ktajjen tal-provvista diġitali sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom;
(d) iż-żieda fid-disponibbiltà, u l-promozzjoni tal-aħjar użu, ta’ soluzzjonijiet diġitali sikuri f’oqsma ta’ interess pubbliku u fis-settur privat filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji tan-newtralità teknoloġika;
(e) il-kontribut għal trasformazzjoni diġitali inklużiva u sostenibbli tal-ekonomija u tas-soċjetà li tkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u n-negozji kollha, b'mod partikolari l-SMEs, madwar l-Unjoni;
(f) il-promozzjoni tal-ħiliet diġitali għaċ-ċittadini permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, b’enfasi fuq it-trawwim ta’ parteċipazzjoni bbilanċjata bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u fl-opportunitajiet ta’ karriera.
Il-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw, jistabbilixxu u jimplimentaw proġetti multinazzjonali. Biex jiġi stabbilit proġett multinazzjonali fejn ma jkun hemm l-ebda strument legali ieħor, il-programm ta’ politika tad-Deċennju Diġitali introduċa struttura legali ġdida, il-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali (EDIC), li jgħin biex jitħaffu u jiġu ssimplifikati l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ proġett multinazzjonali partikolari.
Kull sena, il-Kummissjoni tippubblika rapport dwar is-sitwazzjoni attwali tad-Deċennju Diġitali u l-progress tal-proġetti multinazzjonali.
Aqra l-aġġornament tal-2025 dwar Proġetti Multinazzjonali (.pdf)
Kontenut Relatat
Ħarsa globali
Ħarsa aktar fil-fond
-
Il-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea (EDIC) huwa qafas legali li jgħin lill-Istati...
Oħrajn

Ir-rapport dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali 2025 joffri ħarsa ġenerali komprensiva lejn it...